Mingħand il-President : Dr Hugh Peralta


Kelma lill-Ġenitur : Inħallu t-tfal jitgħallmu u jgawdu – u nieħdu gost magħhom.

It-tema tiegħi ta' din is-sena tirrigwarda biss "Ir-rwol tal-ġenituri". Kif għandhom jaġixxu l-ġenituri meta t-tifel tagħhom jattendi n-Nursery? (Is-singular jinkludi l-plural u l-maskil jinkludi l-femminil.)

In-Nursery għandha tiġi meqjusa bħala skola akkademika. Bħala prinċipju kif il-ġenitur jitratta lill-iskola hekk ukoll għandu jitratta n-nursery. Il-ġenitur iġib it-tifel in-Nursery; il-ġenitur jieħu t-tifel l-iskola, iħallieh hemm, imbagħd jiġbru mal-għeluq tal-ġurnata. Hekk ukoll fin-Nursery - jiġbru mal-għeluq tat-training session jew tal-partita. Hemm ovvjament differenzi ta' importanza.


L-iskola tagħti tagħlim akkademiku mentri n-Nursery tagħti tagħlim tat-teknika tal-football tat-training fiżiku u wkoll ċerti valuri.
Il-ġenitur jista' jgawdi jħares u jsegwi lit-tifel fit-training session u fil-partita: fl-iskola waqt il-lezjoni ma jistax. Żgur li m'għandux pero jindaħal lit-tifel x'jagħmel u x'ma jagħmilx.

L-iżjed ġenitur li jkun apprezzat min-Nursery hu dak il-ġenitur mutu, jew aħjar dak il-ġenitur li juża l-vuċi tiegħu biss biex jinkoraġġixxi lit- tifel tiegħu, jew lit-team.

Ġenitur m'għandux jagħti direzzjonijiet lit-tifel jew lill-players oħra jew lit-team. Il-coaches tan-nursery qegħdin hemm biex jagħtu direzzjonijiet. Kemm-il darba rajt ġenitur jgħid lill-ibnu jagħmel l-oppost ta' dak li jgħidlu il-coach. Smajt ġenitur jgħid lil xi tifel biex jagħmel dak li l-coach ma qallux x'jagħmel. Inoltre smajt ġenitur jagħti struzzjonijiet lit-tfal, differenti minn istruzzjonijiet ta' ġenitur ieħor, fl-istess logħba u fl-istess ħin.


Tifel (u t-tfal) għalhekk kellhom l-istruzzjoni tal-coach, l-istruzzjoni ta' ġenitur A li huma differenti minn tal-coach, u l-istruzzjonijiet ta' ġenitur B li huma differenti minn tal-coach u minn tal-ġenitur A. Tistgħu timmaġinaw b'liema konfużjoni u b'liema tension kienu qed jilagħbu t-tfal. Tistgħu timmaġinaw kieku l-players f'xi premier league jew serje A jisimgħu mill-ispettaturi u l-fans tagħhom fl-eluf x'jagħmlu u ma jagħmlux u dawn b'ordnijiet differenti minn tal-coach?

Dan ukoll kultant iqajjem diżgwid bejn il-ġenituri u l-coach, u wkoll
bejn ġenitur u ieħor u dan kollu bla bżonn. Il-coach għandu l-esperjenza u l-kwalifiki u għalhekk wieħed għandu jafda fil-coach.


Jekk hemm x'ilmenti fuq il-coach allura wieħed jista' jippreżenta dawn
l-ilmenti bil-kalma lill-Head Coach. Dan id-diskors ilna ngħiduh iżda spiss jinqalgħu dan it-tip ta' problema. Bi pjaċir ngħidu illi pero dawn l-ilmenti tal-ġenituri u diżgwid naqas ħafna f'dawn l-aħħar snin.

Il-ġenituri jridu wkoll jifhmu illi t-tfal tagħhom jistgħu ma jilagħbux football kompetittiv. Dana għaliex ikun hemm tfal aħjar - skond il-fehma tal-coach, u peress illi l-coach sejjer jagħżel l-aħjar 7, 9 jew 11, fil-waqt illi l-iskwadra jkun fiha xi 18 sa 24.


Għalhekk żgur li xi tifel ser jibqa' barra. Jista jkun ukoll illi
tifel ma jilagħbx il-ħin kollu jew li jilgħab f'posizzjoni li hu (jew
il-ġenitur tiegħu) jaħseb m'hijiex l-aħjar għalih. Il-ġenitur m'għandu jagħmel xejn ħlief li jinkoraġixxi lit-tifel sabiex jittrenja iżjed u jsir iżjed aħjar u iżjed kompetittiv. Il-ġenitur għandu pero żewġ għażliet oħra. Għandu l-għażla li joħroġ lit-tifel minn Nursery u jieħdu ma club/skwadra aħjar u t-tifel tiegħu jibqa' xorta ma jilagħbx; jew li jieħdu club/skwadra għar u allura t-tifel hemmhekk jilgħab pero ovvjament ser jilagħb ma' players li mhumiex ta' kwalita u allura l-livell tat-tifel jitbaxxa wkoll.

Sfortunatament spiss il-ġenitur ikun irid li t-tifel tiegħu isir jew jagħmel dak li hu m'għamilx jiġifieri li jkun footballer tajjeb. Kultant meta l-ġenitur kien footballer tajjeb ikun irid lill-ibnu jkun bħalu. Fiż-żewġ każijiet ikun hemm pressure fuq it-tifel li ma tagħmillhomx tajjeb. Inoltre ir-raġunament tal-ġenitur b'dik il-ħeġġa u akkanitiżmu bla rażan u mingħajr moderazjoni jġib argumenti u disgwid bla bżonn u anzi ta' ħsara. Dan ukoll hu ħażin għat-tfal u għan-Nursery, u anke għall-ġenitur.

Il-ġenituri għandhom jifhmu japprezzaw u jirringrazzjaw lill-voluntiera tal-Kumitat u oħrajn li jgħinu għax-xogħol siewi u kontribut ta' ħin, enerġija u dedikazzjoni li jagħtu kollu mingħajr ħlas. Il-ġenituri m'għandhomx ikuni lesti biex jiġġieldu u jargumentaw għal kull ħaġa anke għal dik l-iċken iżda għandhom jgħinu u jaċċettaw li mhux kullħadd jew kollox hu perfett.

Fi ftit kliem m'għandhomx ikkabbruha għall-xejn u għal kull ħmerija. In-Nursery tagħna ħadet policy illi mhux biss it-tifel għandu jkun kuntent fin-Nursery imma anke il-ġenituri jridu jkunu kuntenti u japprezzaw li t-tifel tagħhom qiegħed f'Nursery ta' l-għażla tagħhom u li n-Nursery tkun għal qalbhom. Jekk il-ġenitur ma jkunx kuntent nitolbuh illi jneħħi lit-tifel minn Nursery, ovvjament bil-ħlas tal-parametri dovuti skond ir-regoli tal-MFA, il-għaliex jekk il-ġenitur mhux kuntent it-tifel ma jistax ikun kuntent u jekk ma jkunx kuntent it-tifel ma jistax jilgħab tajjeb, isir aħjar u jieħu gost. U b'hekk l-għan tan-Nursery ma jistax jintlaħaq. B'hekk lanqas ma jkunx hemm influenza negattiva ta' ġenituri fuq l-iskwadra.

Nisperaw li l-ġenituri jifhmu illi l-club għandu bżonn tal-għajnuna primarjament fl-organizazzjoni tal-attivita tal-club, kif ukoll fil-finanzi tal-club. Biżżejjed ngħidu illi l-miżati li l-Floriana Nursery ittella mill-ġenituri jwasslu biss għal xi ħamsin fil-mija tal-ispejjeż totali anwali. Il-ħamsin fil-mija tal-ispejjeż l-oħra iridu jiġu koperti bi flus ikkrejati minn attivitajiet tal-club.

Għalhekk il-parteċipazjoni tal-ġenituri hija importanti ħafna.

Fl-aħħar nett nixtieq ngħid għan-nom tal-kumitat tiegħi illi minkejja xi diżgwid okkażjonali li jkollna il-Floriana Nursery fuq bażi relattiva u paragunata ma' clubs oħrajn inħossu li għandha relazzjoni tajba mal- ġenituri u dana kemm il-għaliex il-Kumitat hu aċċessibli għall-ġenituri fil-livelli kollha, inkluż tiegħi bħala President, u kif ukoll il-għaliex il-Kumitat huwa abilment rappreżentant ħafna mill-organisers tiegħu u ċioe Laurence Borg u l-Head Coach Philip Pisani, kif assistiti minn helpers li allura jagħtu spjegazzjonijiet lill-ġenituri kif jinqalgħu xi diffikultajiet.

Bil-pressure fuq it-tfal u b'ilmenti li lanqas jaħsbu fihom it-tfal, inkunu biss qegħdin indejqu u nħassru lit-tfal il-kuntentezza u l-futur tagħhom.

Nisperaw illi dan il-kliem jiġi applikat fil-prattika mill-ġenituri u mhux biss jibqa' miktub għal xejn minni.